INTI ĊITTADIN EWROPEW LI TGĦIX FIL-BELĠJU?

Mela ejja vvota fid-9 ta’ Ġunju 2024 għall-Parlament Ewropew!

Il-Ħadd, 9 ta’ Ġunju 2024, se jiġu eletti l-membri tal-Parlament Ewropew fis-27 Stat Membru tal-Unjoni Ewropea.

Jekk inti ċittadin Ewropew li tgħix fil-Belġju, tista’ tipparteċipa fl-elezzjonijiet fil-Belġju għall Parlament Ewropew u tivvota għal kandidati fuq reġistri Belġjani. F’dan il-każ, ma tistax tieħu sehem fl-elezzjonijiet tal-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek.

It-talba ta’ reġistrazzjoni fir-reġistru tal-vot tal-muniċipalità tiegħek għandha ssir sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2019.

Għall-informazzjoni tiegħek, fid-9 ta’ Ġunju 2024, il-votanti Belġjani se jaħtru wkoll ir rappreżentanti tagħhom fil-Kamra tar-Rappreżentanti u tal-Parlamenti tal-Komunità u tar Reġjun.

MIN JISTA’ JIVVOTA FID-9 TA’ ĠUNJU 2024?

Sabiex tieħu sehem f’din l-elezzjoni bħala ċittadin Ewropew, trid tissodisfa ħames kundizzjonijiet, jiġifieri:

  1. ikollok ċittadinanza fi Stat Membru tal-Unjoni Ewropea;
  2. ikollok residenza prinċipali f’muniċipalità Belġjana;
  3. ikollok mill-inqas 16-il sena;
  4. ikollok id-dritt tal-vot;
  5. tkun irreġistrat fil-lista tal-votanti (età minima għar-reġistrazzjoni: 14-il sena).

 

  1. Iċ-ċittadinanza

    Sabiex tkun tista’ tivvota, trid tkun ċittadin ta’ wieħed mis-26 Stat Membru li jiffurmaw l Unjoni Ewropea, fid-data tal-elezzjoni tal-Parlament Ewropew, flimkien mal-Belġju; l Awstrija, il-Bulgarija, Ċipru, id-Danimarka, l-Estonja, il-Finlandja, Franza, il-Ġermanja, il Greċja, l-Irlanda, l-Italja, il-Kroazja, il-Latvja, il-Litwanja, il-Lussemburgu, Malta, in Netherlands, il-Polonja, il-Portugall, ir-Repubblika Ċeka, ir-Rumanija, is Slovakkja, is Slovenja, Spanja, l-Iżvezja jew l-Ungerija.

    Il-kundizzjoni tan-nazzjonalità trid tiġi sodisfatta sa mhux iktar tard mill 1 t’ April 2024, il-jum li fih jingħalqu r-reġistri elettorali.

  2. Ir-residenza

    Barra minn hekk, inti trid tkun irreġistrat fir-reġistru residenzjali jew fir-reġistru taċ ċittadini barranin tal-muniċipalità ta’ residenza tiegħek fil-Belġju. Din il-kundizzjoni trid tiġi sodisfatta sa mhux iktar tard mill-1 t’ April 2019.

  3. L-età

    Sabiex tkun tista’ tivvota, irid ikollok mill-inqas 16-il sena fid-data tal-elezzjoni tas 26 ta’ Mejju 2019.

  4. Il-pussess tad-dritt tal-vot

    Sabiex tkun tista’ tivvota, ma tistax tinsab f’wieħed mill-każijiet ta’ esklużjoni jew ta’ sospensjoni mid-drittijiet elettorali previsti mil-liġi Belġjana. Barra minn hekk, ma jistax ikun tneħħielek id-dritt tal-vot fl-Istat ta’ oriġini tiegħek minħabba deċiżjoni ġudizzjarja individwali jew deċiżjoni amministrattiva.

  5. Il-lista tal-votanti

    Inti trid tkun irreġistrat fil-lista tal-votanti tal-muniċipalità ta’ residenza prinċipali tiegħek. Għal dan l-għan, trid timla l-formola C/1 onlajn permezz ta’ www.inscription.elections.fgov.be jew tista’ tikseb il-formola mingħand l awtoritajiet muniċipali fejn għandek ir-residenza prinċipali tiegħek.

    Jeħtieġ li sa mhux iktar tard mill-31 ta’ Marzu 2024, inti għandek:

    • tissottometti din il-formola onlajn permezz ta’ www.inscription.elections.fgov.be ;
    • jew tissottometti l-formola kompluta fil-kunsill lokali,
    • jew tingħatha bil-posta.

     

    L-awtoritajiet muniċipali se jeżaminaw it-talba tiegħek fuq il-bażi tal-elementi li tkun indikajt fuq din il-formola.

    Jekk tkun approvat bħala votant mill-Collège des bourgmestre et échevins, se tirċievi avviż uffiċċjali mill-muniċipalità.

    Mill-mument li r-reġistrazzjoni tiegħek fil-lista tal-votanti tkun ġiet approvata, se tkun legalment obbligat li tivvota fid-9 ta’ Ġunju 2024. Barra minn hekk, ma tistax tieħu sehem fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek.

    Jekk wara tixtieq tieħu sehem mill-ġdid fl-elezzjonijiet għall-Parlament Ewropew fil-pajjiż ta’ oriġini tiegħek, jew għal xi raġuni oħra, tista’ titlob li tirtira r-reġistrazzjoni tiegħek mill-muniċipalità fejn tinsab ir-residenza prinċipali tiegħek. Madankollu din it-talba ma tistax titressaq bejn l-1 t’ April 2024 u d-data tal-elezzjoni.

    Jekk inti diġà ressaqt talba ta’ reġistrazzjoni fil-lista tal-votanti għall-elezzjonijiet Ewropej fil passat (għall-elezzjonijiet Ewropej tal- 2014 jew 2019) u kont diġà approvat bħala votant f’dak iż-żmien, ma tridx tressaq talba ġdida. Ir-reġistrazzjoni tiegħek fil-lista tal-votanti tinżamm u tibqa’ valida għall-elezzjonijiet Ewropej kollha li ġejjin.

    Inti tista’ tivverifika din ir-reġistrazzjoni mal-kunsill lokali tiegħek jew fuq l-applikazzjoni Mon DOSSIER fl-indirizz https://www.mondossier.rrn.fgov.be (it Taqsima “Mes données – Id-dejta tiegħi” ► “Élections – Elezzjonijiet”) permezz tal-permess ta’ residenza elettroniku tiegħek, il-kodiċi PIN tiegħek u qarrej tal-karti elettroniċi.

    Il-Collège des bourgmestre et échevins jista’ jiddeċiedi li ma japprovakx bħala votant u għalhekk li ma jirreġistrakx fil-lista tal-votanti.

    Din id-deċiżjoni tiġi notifikata lilek b’mod uffiċjali u bil-miktub. Dan jista’ jkun soġġett għal sejħa. Inti tista’ tikseb tagħrif rigward il-proċedura ta’ sejħa mill-kunsill lokali tiegħek jew fuq is-sit www.elections.fgov.be (it-Taqsima “Électeurs – Votant”).

KIF TITFA’ VOT VALIDU?

Sabiex ikun validu, il-vot tiegħek irid jintefa’ taħt lista waħda. Dan jista’ jsir b’2 modi differenti:

  • b’vot fil-kaxxa li tinsab fuq nett ta’ lista (vot ta’ lista);
  • b’vot fil-kaxxa li tinsab ħdejn l-isem ta’ kandidat wieħed jew iktar (il-kandidat maħtur minnek).

Jekk fl-istess ħin inti titfa vot ta’ lista jew vot nominattiv wieħed jew iktar f’din il-lista, il-vot ta’ lista mhux se jitqies.

Jekk titfa’ voti (ta’ lista jew nominattivi) fuq listi differenti, il-vot se jitqies bħala null u mhux se jkun irreġistrat.

Tista’ ssib il-vidjo ta’ spjegazzjoni f’dan il-link: https://elections.fgov.be/electeurs-comment-voter/vote-papier
(disponibbli biss bil-Franċiż, bl-Olandiż u bil-Ġermaniż)

VOT ELETTRONIKU

Fid-9 ta’ Ġunju 2024, 158 muniċipalità fir-Reġjun Fjamming, il-muniċipalitajiet tar-Reġjun ta’ Brussell-Kapitali kif ukoll il-muniċipalitajiet li jitkellmu bil-Ġermaniż se jorganizzaw l elezzjonijiet b’kompjuters tal-vot bi prova tal-karti filwaqt li l-muniċipalitajiet kollha tar-Reġjun ta’ Walloon kif ukoll 150 muniċipalitajiet fir-Reġjun Fjamming se jorganizzaw l-elezzjonijiet permezz tal-vot imsejjaħ "tal-karti".

Biex tkun taf jekk tistax tivvota bil-kompjuter fil-muniċipalità tiegħek:

  1. ara https://elections.fgov.be/electeurs-comment-voter/quel-mode-de-vote-dans-ma-commune (disponibbli biss bil-Franċiż, bl-Olandiż u bil-Ġermaniż)
  2. jew tista’ tikkuntattja d-dipartiment tal-elezzjonijiet tal-muniċipalità tiegħek.

KIF TIVVOTA FUQ IL-KOMPJUTER?

Tista’ ssib il-vidjo ta’ spjegazzjoni f’dan il-link: https://elections.fgov.be/electeurs-comment-voter/le-vote-electronique
(disponibbli biss bil-Franċiż, bl-Olandiż u bil-Ġermaniż)

KIF TRESSAQ IL-KANDIDATURA TIEGĦEK?

Sabiex tkun tista’ teżerċita d-dritt ta’ eliġibbiltà tiegħek u tkun elett fil-Belġju fil-Parlament Ewropew, inti trid:

  • tkun ċittadin ta’ Stat Membru tal-Unjoni Ewropea kif ukoll tkun residenti f’wieħed mill Istati Membri;
  • tinsab fuq reġistru Belġjan bħala kandidat, aċċettat minn uffiċċju elettorali prinċipali Belġjan, wara depożitu f’dan l-uffiċċju fit-12 jew it-13 ta’ April 2024;
  • tressaq lill-uffiċċju elettorali prinċipali dikjarazzjoni bil-miktub u ffirmata li ssemmi l indirizz tar-residenza prinċipali tiegħek, in-nazzjonalità tiegħek, il-post u d-data tat-twelid tiegħek. F’din id-dikjarazzjoni, trid tiddikjara wkoll li mintix kandidat fi Stat Membru ieħor u li mintix imċaħħad jew sospiż mid-dritt ta’ eliġibbiltà f’dan l-Istat fid data tal-elezzjoni;
  • tkun ilħaqt l-età ta’ 18-il sena fid-data tal-elezzjoni;
  • tgawdi drittijiet ċivili u politiċi fid-data tal-elezzjoni.

Għal aktar informazzjoni, ara https://elections.fgov.be/candidats/comment-etre-candidat (disponibbli biss bil-Franċiż, bl-Olandiż u bil-Ġermaniż)

AKTAR INFORMAZZJONI

Toqgħodx lura milli tikkuntattja lis-servizz Élections tal-kunsill lokali tiegħek.

Tista’ tikkonsulta wkoll is-sit tal-Internet Élections tas-Servizz Pubbliku Federali Intern, www.elections.fgov.be.